Verklärte Nacht
I occasionally feature on this blog some of my writings in Maltese... such as this short story. Verklärte Nacht was first published on the Facebook page of the literary organisation Għaqda tal-Malti - Universita' after a Valentine's Day call for writings on the theme of love. It is a ghost story of sorts, whose protagonist is haunted by the spirit of his ex-lover who, in a departure from the tropes of the genre, is still very much alive… The illustration is by Pascal Campion whose contemporary pop-inspired works I really love.
________________________________________________
Il-waqt tal-firda, meta wasal, kien eħfef milli qatt stenna. L-enneżimu battibekk, l-enneżima xenata, l-enneżima rabja siekta tiegħu. Ħlief illi did-darba ma damx ma raha ħierġa mill-kamra tas-sodda b’daqsxejn ta’ bagalja u l-kaxxa tal-vjolin fuq spallejha. “Sejra lura għand sħabi,” qaltlu. U sabbtet il-bieb tal-appartament, bħallikieku qiegħda tagħlaq kapitlu ta’ ħajjitha.
***
Kienu ltaqgħu għand ir-Roxy, bar żgħir u kemmxejn mudlam f’subborg ta’ Milan, qrib l-uffiċċju fejn kien jaħdem Marco. Marco ma kellu lil ħadd jistennieh id-dar, u għalhekk kull filgħaxija kien jintasab fuq mejda żżegleg f’kantuniera tal-bar u jieħu nofs pinta Peroni kiesħa silġ. Dejjem l-istess ordni, sajf u xitwa, tant li anke Stefano l-barman kien drah u kien iferragħhielu hekk kif jilmħu dieħel. Tant l-aħjar – għax għal Marco, kelma nieqsa aħjar minn waħda żejda.
Fl-istess akkwati kien hemm teatru li fih kienu jittellgħu drammi u kunċerti. Ma kienx wieħed mill-ewlenin tal-belt, iżda kellu orkestrina residenti. Meta spiċċat l-istudji tagħha fil-Konservatorju ta’ Milan, Anja kienet qatgħetha li, minflok tmur lura f’pajjiżha, tibqa’ fil-belt li kienet, ormai, tqisha darha wkoll. Daħlet fl-orkestra tat-teatru u fis-serati tal-provi kienet tħobb tgħaddi sar-Roxy tieħu drink ma’ ċellista ħabiba tagħha.
Lil Marco, l-ewwel li laqtitu f’Anja kienet id-daħka tagħha li, melodjuża bħal-leħen ta’ sirena, kienet togħla ‘l fuq mill-electrojazz kemmxejn storbjuż li kien il-kolonna sonora perenni tar-Roxy. Meta, imbagħad, għajnejhom fl-aħħar iltaqgħu, saħħritu l-ħarsa tagħha u ħassu qiegħed għodos f’oċean bla qiegħ. Imma m’ażżardax jersaq lejha u jkellimha. Mat-tfajliet kien mistħi u stramb. Ma kienx ilu li ħabb u weġġa’, u l-ferita kien għadu jħossha meta jiġi r-riħ tagħha.
Darba fost l-oħrajn Anja daħlet waħedha u, ftit wara, jaraha miexja lejn il-mejda tiegħu b’żewġ tazzi f’idejha u tbissimha mqarba fuq xofftejha. “Bsart li kelli nkun jien biex nieħdu drink flimkien,” qaltlu hija u tkaxkar siġġu lejn il-mejda ta’ Marco. Ħabat jinfixel, imma l-birra li offrietlu kienet qisha xarba msaħħra. Kif daqha, ilsienu nħall u, f’kemm ilna ngħidu, Marco u Anja kienet qegħdin jaqsmu u jħalltu l-istejjer ta’ ħajjithom.
Qabel ħarġu mill-bar, l-aħħar nies qabel ma Stefano għalaq għal-lejl, Anja ġagħlitu jwiegħdha li jiġi jismagħha f’kunċert li kien se jittella’ dik il-ġimgħa stess. “Se ndoqqu Verklärte Nacht ta’ Arnold Schoenberg,” spjegatlu, “Ix-xogħol favorit tiegħi... iqattar l-imħabba u passjoni!” Marco ma kellux ideja minn jaħbat dan Schoenberg – il-mużika klassika ftit li xejn qatt interessatu. Iżda bejn b’kurżita’ u bejn biex ma jiksirhiex ma’ din iż-żingara li serqitlu qalbu bħal b’magħmul, dakinhar tal-kunċert sab ruħu fis-siġġijiet ta’ quddiem. U meta ra lil Anja tagħlaq għajnejha u titwaħħad mal-vjolin, bħallikieku f’xi ritwal arkan, tiegħem għal ftit il-benna li kienet iddewwaqha l-mużika.
Dak il-lejl qattgħuh flimkien, immellsa mil-leħen tal-arki. U l-istess il-lejla ta’ wara. U ta’ wara. U ta’ wara wkoll. U kważi bla ma jaf kif, spiċċaw jgħixu flimkien.
Imma għal Marco, l-imħabba kienet tiswa biss meta mistura fil-misteru. U x’sigrieti jista’ jibqa’ bejn koppja li taqsam appartament t’erbat ikmamar? Marco ma damx ma beda jingħalaq fih innifsu u jaqa’ fil-muta. Qalbu kienet mili ‘l bogħod minn Anja, anke meta mkebbeb fit-tgħanniqa tagħha. U beda l-għajjat, u beda l-ġlied. Tassew, meta wasal il-waqt tal-firda, ma kien sopriża għal ħadd minnhom. L-oċean kien ilu li nixef u sar deżert.
***
L-istramberiji tfaċċaw xi xahar u nofs wara li telqet. Daħal fil-kamra tal-banju kmieni filgħodu u ħass ġismu jqum xewk xewk. Xi ħaġa kienet barra minn postha. Imbagħad induna. F’tazza fuq is-sink kien hemm xkupilja tas-snien ħamra tgħajjat. Fuq il-manku, stampa kemmxejn imqaxxra ta’ Tweety l-kanarin. Kienet ta’ Anja. U kien ċert li l-lejl ta’ qabel ma kienx raha hemm. Ħatafha biex jarmiha. Reġa’ bdielu u qiegħda fil-qiegħ ta’ armadju, moħbija wara tilja xugamani umdi.
L-għada filgħodu, l-ixkupilja reġgħet sebħet fuq is-sink. U issa ma ħasibhiex darbtejn u, b’dagħwa li
ħasdet anke lilu, waddabha dritt fiż-żibel.
Minn dakinhar bħala donnhom bibien is-sema nfetħu. Kien jidħol mix-xogħol u jsib is-sodda mqallba, bħallikieku xi ħadd għadu kif ħareġ minn taħt il-friex. Jew jasal mis-supermarket u jilqgħu t-televixin mixgħul anke meta jkun ċert – anzi ċertissimu – li ħallieh mitfi meta ħareġ. Jew imur fil-kċina u jsib għarma platti għall-ħasil jew borma misħun lesta biex xi ħadd jitfa’ l-għaġin. X’affarijiet huma dawn? Bilfors illi Anja, jew xi ħadd mibgħut minnha, kien qed jipprova jagħmillu ċajta goffa! Kemm-il darba kien se jaħbat iċemplilha u jieħu tiegħu minn fuq. Imma ma riedx ipaxxiha. Aħjar jaqbad u jbiddel is-serratura u jsolvi l-problema darba għal dejjem.
Hekk għamel. Iżda
lanqas laħqu għaddew jumejn li ma qamx f’nofs ta’ lejl, maħsud u mxarrab għasra
bl-għaraq. Ir-radju ta’ maġenb is-sodda
kien miftuħ b’volum li jtarrax fuq ir-Rai
Radio 3 u kien hemm riħa taqsam ta’ Si
Lolita, il-fwieħa favorita ta’ Anja.
Kienet se tagħtih rasu. Ma riedx
jemmen lilu nnifsu. Forsi kien moħħu kien qed jgħejja? Verament, dan l-aħħar
kien qed jaħdem ħinijiet twal u lanqas s’għand ir-Roxy ma kien qed jixref. Tgħid kellu bżonn brejk? Isiefer imqar għal weekend?
L-għada applika għal ġimgħa leave u nġabar kmieni. Huwa u dieħel fil-blokk, jaħbat fix-xwejħa Clotilde, li kienet toqgħod fl-appartament ta’ fuqu. Kienet qed tistenna l-lift, li bħas-soltu, kien qed jieħu sekli biex jasal. “Ara Marco!” stagħġbet, b’lajma li tħabbatha sew mal-lift kajman tal-blokka, “Kif int, ibni, kemm tidher imħasseb!” Lil Clotilde mhix l-ewwel darba li waqaf jgħid kelma magħha, jew għenha ġġorr xi basket tax-xirja, imma llum ma kellux moħħha. Kien se jibqa tiela’, imma meta kompliet, sammritu.
“X’ferħa ħadt li Anja ġiet lura!” qaltlu
“X’int tgħid?” ħatafha Marco, b’daħka mqanżha, “Anja telqet u ilha ġimgħat ma tersaq ‘l hawn!”
“Eh,” kompliet Clotilde, li bħal donnha ħabtet se tieħu għaliha, “bi xwejħa bħali mhux se tgħaddi ż-żmien! Għadni kif smajtha tipprattika l-vjolin. Qisha anġlu ddoqq, Alla jberikha...”
Ma ħallihiex tispiċċa. Tela’ t-taraġ tlieta, tlieta u fetaħ il-bieb tal-appartament beraħ. Xejn. Baħħ u skiet. Imma issa Marco aktar ikkonfonda. Għaliex issa kien ċert li l-preżenza ta’ Anja, anke jekk ma kienx jaf kif jaqbad jispjegaha, ma kinitx biss stħajjil ta’ moħħu. U nkwieta tassew għaliex ħwejjeġ bħal dawn kienu jiġru biss fl-istejjer tal-iħirsa, l-inkejja tal-erwieħ bla sabar li jġennu dawk li ħallew warajhom. Ma nagħmlux mod illi Anja kien ġralha xi ħaġa? Xi disgrazzja?
Ma felaħx iżjed. Qabad il-mowbajl u għafas in-numru tagħha għal darba, tnejn. Mitfi. B’rogħda daħal fl-internet u fittex il-profil tagħha fuq facebook. Hemm hi, sabha fl-aħħar. Hemm hi, dik il-ħarsa li kienet issaħħar il-ħolm tiegħu. Daħal fl-aħħar posts tagħha. Ħa nifs twil. Ma kien ġralha xejn. Anzi, kienet għadha kif għamlet share ta’ powster ta’ kunċert li kienet se ddoqq fih dik il-lejla stess. Tbissem. Verklärte Nacht.
***
It-tgeġwiġija tal-udjenza u l-ilħna konfużi tal-istrumenti jintunaw stħajjilhom il-ħsejjes ta’ foresta maġika. Tbaxxew id-dwal, id-direttriċi telgħet fuq il-podju u waqa’ skiet ta’ stennija. Anja lemħet lil Marco fl-ewwel filliera u għal mument inħasdet. Iżda mbagħad instemgħet it-tnehida tal-vjolonċelli u l-vjoli, togħla u dejjem togħla. U hekk kif daħlu l-vjolini isemmgħu l-għanja tagħhom, qalb Marco u Anja inġarru minn mewġa ta’ mużika.
Dik il-lejla, għand ir-Roxy, kien Marco illi offrielha drink. U kien Marco illi fissrilha illi, milli
jidher, id-destin riedhom flimkien.
No comments:
Post a Comment